Is-sensiela Mużika 21 tkompli bil-132 edizzjoni li huwa t-tieni programm fil-ħdax-il staġun.
PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.
Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2024 issibhom permezz tal-Wikipedija.
PARTI 2: X’inhu Scallop Studios? Iltajt ma’ dan l-isem permezz ta’ YouTube riċentament. Ma niftakarnix narah qabel din is-sena, però fl-istess waqt kont kurjuż kif tfaċċali fuq YouTube. Wara ftit intbaħt li hemm involut Jason Spiteri wara dan l-isem. Jason Spiteri huwa xi ħadd li diġà kien suġġett tat-tieni part ta’ episodju ieħor f’din is-sensiela ta’ programmi…jew jekk mhux hekk, kienet l-intenzjoni tiegħi li jkun hekk. Projament kien deher fit-tielet parti tal-55 programm bil-ġabra tiegħu Artefacts of aimless musical experimentation f’Ottubru tal-2022. Illum qed noffilkom dawn ir-recordings mill-kanal tal-YouTube ta’ Scallop Studios miġbura taħt l-isem ta’ The Birth of Scallop Studios, u apparti li hemm Jason Spiteri nvolut f’din il-mużika, ftit naf aktar minn hekk.
Ara the Birth of Scallop Studios fuq YouTube.
PARTI 3: L-album tal-lum huwa Soft and Clear ta’ Das Birthday Girl. Ma kontx qed nistennih dan l-album. Ħareġ kwiet kwiet nhar Ħadd il-Għid li għadda, fil-31 ta’ Marzu 2024. Kellna s-single Image minnu diversi xhur ilu, u tassew qed nieħu gost li għandna album sħiħ issa mingħand Martha Theuma li tirrekordja bħala Das Birthday Girl. Il-kollaboratur priniċipali tagħha fuq dan l-abum huwa Jimmy Bartolo. U għalhekk, l-album maħruġ fuq it-tikketta tad-diski Ultralow. Fuq Once Anew insibu wkoll lil Julian Grech fuq il-pjanu. Minnu għażilt dawn is-siltiet:
Isma’ jew niżżel l-album Soft and Clear ta’ Das Birthday Girl fuq Bandcamp.
Mużika 21 huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6:00pm u s-Sibt fis-2pm.